Close
Banif@st login

Open your new account today

Żjara fil-Banif Bank li qed jibbenefika mill-iskema tal-EAP


28 February 2012

2025 persuna li għamlu esperjenza ta’ xogħol permezz tal-Employment Aid Programme offrut mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ sabu mpjieg permanenti mal-kumpannija li kienet offritilhom l-opportunita li jaħdmu magħha.  Dan ifisser li 85% tal-ħaddiema li bbenefikaw mill-iskema issa għandhom xogħol fiss.

Dan ħabbritu l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina meta dal-għodu għamlet żjara fl-uffiċċji ewlenin tal-Banif Bank li pparteċipa f’din l-iskema u offra esperjenza ta’ xogħol lil 21 persuna.  14 minn dawn, wara li temmew din l-esperjenza ngħataw xogħol permanenti mal-bank stess u erba’ oħra li għadhom qed jagħmlu din l-esperjenza iżda għaddew mill-perjodu tal-probation.

 

 

Il-Ministru Cristina qalet li waħda mill-iskemi li tmexxi b’suċċess il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ hi l-Employment Aid Programme li hi ko-finanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew b’baġit ta’ €8.2 miljuni.

Permezz ta’ din l-iskema persuni żvantaġġjati jew oħrajn bi bżonnijiet speċjali, ikunu integrati fis-suq tax-xogħol. Fil-fatt l-iskema tiffaċilita l-aċċess fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ għajnuna finanzjarja u tgħin biex taġġorna l-ħiliet ta’ dawk li huma ‘l bogħod mis-suq tax-xogħol billi toffrilhom esperjenza diretta ta’ xogħol

Min iħaddem jingħata għotja li tammonta għal 50% tal-paga li jagħti lil persuna żvantaġġjati jew 75% tal-paga f’każ ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali.

Is-sena li għaddiet kien hemm żjieda qawwija kemm fin-numru ta’ applikazzjonijiet minn persuni biex jissieħbu fl-iskema kif ukoll fin-numru ta’ persuni li bdew jagħmlu esperjenza ta’ xogħol permezz tal-EAP, li fil-fatt kważi rduppjaw minn dawk li kienu fl-2010.

Sal-lum 2383 persuna li kienu qed ifittxu mpjieg, għamlu esperjenza ta’ xogħol taħt din l-iskema.  Oriġinarjament kien maħsub li din l-iskema kellha toffri 1530 impjieg iżda fil-fatt din il-mira inqabżet b’56%.

Minħabba ċ-ċirkostanzi fis-suq tax-xogħol, kawżati mir-realtajiet ekonomiċi li lkoll nafu bihom, fl-2011 l-għajnuna lill-kumpanniji li jieħdu fl-impjieg magħhom lil nies permezz ta’ din l-iskema, l-għajnuna ġiet estiża minn sitt xhur għal sena.  B’effett ta’ dan aktar persuni rnexxielhom jagħmlu esperjenza ta’ xogħol.

Hu ferm inkoraġġanti l-fatt li numru ta’ kumpanniji qed jagħżlu li wara li jgħaddi t-terminu ta’ din l-iskema, jibqgħu jżommu fl-impjieg tagħhom lil dawk li jkunu għamlu din l-esperjenza ta’ xogħol.

Il-Ministru Cristina appellat lil min iħaddem biex joħloq u joffri kundizzjonijiet tajba lill-impjegati tiegħu għax dan jgħin biex il-ħaddiema jkunu aktar leali lejn min iħaddem. Fost dawn il-kundizzjonijiet wieħed jista’ jikkunsidra wkoll l-introduzzjoni tat-teleworking fejn hu possibbli u skemi oħra ta’ flexiwork li jgħinu jinstab bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja.

Il-ħidma tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ qed ikollha riżultati tajba kemm għax qed tfittex li tintegra persuni bi bżonnijiet speċjali fid-dinja tax-xogħol filwaqt li kontinwament toħloq programmi ġodda biex tgħin lil min irid jaħdem isib impjieg. L-impenn tal-Gvern hu li jkompli joħloq opportunitajiet ta’ xogħol u xogħol bl-aħjar kundizzjonijiet.  Din il-politika qed ikollha suċċess kif tixhed ir-rata ferm baxxa ta’ qgħad fil-pajjiż, speċjalment fost iż-żgħażagħ.

Matul din iż-żjara il-Ministru Cristina kienet akkumpanjata minn Stephen Spiteri, Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Sandra Sladden u Claudio Farrugia, Chairperson u Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni u ntlaqgħet minn uffiċċjali għolja tal-Bank.

 

 

Malta Stock Exchange
©2008 - Banif Bank (Malta) plc - All Rights Reserved
Banif Bank (Malta) plc is a credit institution licensed by the MFSA to undertake
the business of banking in terms of the Banking Act 1994.